24 September 2017
thinksite.jpg
 HOME
Bookmark and Share
Miscellaneous - Mixxillenja

Diskors f'Jum il-Gradwazzjoni tal-Iskola Sekondarja tas-Subien, Kulleġġ ta' Għawdex - 8 ta' Ġunju 2017

Għeżież Kapijiet, Għalliema, Studenti, Ġenituri u Ħbieb

Huwa tassew dejjem ta’ pjaċir li ninġabru f’okkażjoni sabiħa bħal din tal-lum; jum il-gradwazzjoni. Għax il-bniedem, min-natura tiegħu, jieħu gost jimmarka għeluq ta’ proġett f’ħajtu biex jagħti lilu nnifsu enerġija ġdida biex jibda xi ħaġa oħra. Hekk qed tagħmlu llum intom għeżież studenti; qegħdin timmarkaw it-tmiem ta’ din il-fażi fl-edukazzjoni tagħkom. Qegħdin tigradwaw mill-iskola sekondarja li fil-ħsieb tagħha kellha li tedukakom f’għadd ta’ suġġetti differenti – mhux biex iġġibkom professuri u professjonisti fis-suġġetti kollha, imma sabiex tagħtikom togħma tajba ta’ diversi suġġetti li minnhom imbagħad tagħżlu l-linja li fuqha tixtiequ tibnu l-ħajja personali u professjonali tagħkom.

Għalina – aħna l-kbar – u għall-għalliema tagħkom li jaraw gradwazzjoni waħda wara l-oħra ta’ kull sena, din iċ-ċeremonja taf taqa’ ftit f’rutina, iżda għalikom le. Għalikom din hija gradwazzjoni waħda – unika – li bħalha ma terġax tiġi. Tafu terġgħu tiggradwaw, u nawguralkom li terġgħu tiggradwaw fis-6th form u fl-Università u forsi mhux darba u tnejn, imma din il-gradwazzjoni tal-iskola sekondarja hija waħda u ma terġax tiġi bħalha. Għalhekk, l-ewwel ħaġa li ngħidilkom hija “Għożżu ż-żmien”. Fuq wieħed mill-kampnari tal-knisja tal-Għarb hemm arloġġ u fuq għandu miktub dan il-kliem; “ibni, għożż iż-żmien”.

Iż-żmien huwa riżorsa mogħtija lilna, jew aħjar – mislufa lilna. Ejjew ma naħlux iż-żmien. Issa ż-żmien nistgħu naħluh meta noqogħdu nitgħażżnu u ma nagħmlu xejn. Imma ż-żmien nistgħu naħluh ukoll meta niffissaw fuq ħafna ħwejjeġ f’ħajjitna, ħafna stress u tensjonijiet żejda u bla ma nindunaw inkunu qed insiru skjavi ta’ ħafna faċendi li rridu nagħmlu u waqt li ż-żmien qed jaħarbilna, mank nindunaw li qegħdin ngħixu. Din ukoll hija xorta oħra ta’ ħela ta’ żmien.  Dan il-konsum taż-żmien huwa xi ħaġa li rridu nitgħallmu lkoll kemm aħna, u ma tkunx ideja ħażina kieku anki l-iskejjel tagħna jkunu jistgħu jagħtuna ftit dawl fuq ħwejjeġ bħal dawn.

Iżda hemm riżorsa oħra li ma rridux naħlu. Hawnhekk ippermettuli nitkellem ftit fuq l-ilma. Għadni ġej minn konferenza li fiha ġie ppreżentat il-World Water Development Report mill-UNESCO fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Dan qed insemmih għaliex naħseb li għad m’aħniex nifhmu l-importanza tal-ilma biżżejjed; m’aħniex nifhmu kemm l-ilma huwa skars, minkejja li aħna mdawrin bil-baħar. Grazzi għal diversi kampanji edukattivi bħall-Catch the drop water campaign, proġetti ta’ eko-skola u oħrajn, l-edukazzjoni qiegħda tibda miexja f’din id-direzzjoni imma kultant nibża’ li fl-iskejjel tagħna, l-entużjażmu tagħna jibda u jispiċċa ma’ proġett u mbagħad daqshekk. Kultant nibża’ li suġġetti bħal dawn, inmissu ftit magħhom kemm inkunu semmejnihom u ma nidħlux fil-fond fejn tassew is-suġġett jaf isir interessanti. Ħa nagħmel mistoqsija u tweġbunix: tfal, kemm hawn minnkom li jafu, jew li għandhom f’moħħhom li jispeċjalizzaw fuq xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-ilma? Kemm hawn minnkom konxji li l-ilma joffri varjetà mill-aktar wiesa’ ta’ xogħlijiet u professjonijiet? Kemm hawn minnkom konxji tal-enerġija mill-ilma, tal-waste-water, ta’ ilma li jista’ jerġa’ jintuża…?

Għalhekk, l-appell tiegħi lilkom illum, għeżież studenti huwa dan: issa li qed ittemmu l-iskola sekondarja, aħsbuha sew xi tridu tagħmlu fil-ħajja tagħkom; fiex tridu tinvestu ż-żmien tagħkom biex bla ma taħlu żmienkom, tkunu ta’ ġid għalikom infsukom u għas-soċjetà li tkunu tgħixu fiha. Jien semmejtilkom l-ilma, imma bħall-ilma hemm baħar sħiħ ta’ karrieri, ta’ idejat, ta’ ħajjiet x’tistgħu tagħżlu. Fittxu u imirħu biex la tkunu ħlejtu żmien u anqas riżorsi.

Nawguralkom ilkoll mill-qalb.

 

Mons Dr Joe Vella Gauci

Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta' Malta għall-UNESCO

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Go to top