28 April 2017
thinksite.jpg
 HOME
Bookmark and Share
Miscellaneous - Mixxillenja

Diskors fl-okkażjoni ta' Jum ir-Repubblika - 11 ta' Diċembru 2016

 

Mill-ET Mons Dr Joe Vella Gauci

Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta' Malta għall-UNESCO

President tal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali, Ministru għal Għawdex

 

 

Eċċellenza

Sur Preca

Onor Ministru u Sinjura Refalo

Onor Franco Mercieca u Sinjura Mercieca

Speaker Emeritu u Sinjura Tabone

Sur John Borg u Sinjura Borg

Magistrati Coppini u Vella Cuschieri

Chairman Kunsill tal-Kultura

Sinjuri

 

Huwa ta’ pjaċir għalija li llejla qegħdin niltaqgħu hawnhekk fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika sabiex niċċelebraw din il-festa nazzjonali, miġjuba b’avveniment storiku fl-1974. Fuq kollox, qegħdin niċċelebraw il-valur, is-sinjifikat, il-preġju tal-ogħla istituzzjoni li tirrappreżenta lil pajjiżna, li tagħha, inti Eċċellenza, il-kap.

Iċ-ċelebrazzjoni tar-Repubblika hija sinjifikattiva għaliex il-kap tal-Istat huwa proprju wieħed mill-poplu, magħżul mir-rappreżentanti tiegħu stess. Għalhekk, iċ-ċelebrazzjoni tar-Repubblika mhix għajr iċ-ċelebrazzjoni ta’ dak li aħna bħala poplu, tassew aħna. Hija festa ta’ identità.

Fid-dawl tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, ir-Repubblika tieħu dimensjoni oħra. Tnax-il sena wara li sseħibna membri, m’għadhiex kwistjoni li Malta qed tifforma l-identità tagħha, imma hija l-istess Ewropa – l-istess Unjoni Ewropeja li issa qed tfittex l-identità tagħha.

Għall-grazzja t’Alla, Malta kellha identità, żammitha u saħħitha, u hija b’din l-identità li tnax-il sena wara s-sħubija se tkun qed tippresiedi l-Kunsill tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropeja. Fi ftit xhur, l-Unjoni Ewropeja tkun rat Prim Ministru Ingliż jinbidel, Prim Ministru Taljan jinbidel, President Franċiż iħabbar l-irtirar tiegħu mill-ogħla uffiċċju tal-pajjiż, probabiltà ta’ bidla fil-Ġermanja, deċiżjoni sovrana ta’ poplu Ingliż li jħalli l-Unjoni, sentimenti lemini estremi aktar voċiferużi, President ġdid fl-ikbar allejat tal-Ewropa – l-Istati Uniti… ma nkunux nesaġeraw allura jekk ngħidu li l-Ewropa ta’ ftit xhur ilu, mhux neċessarjament ser tkun l-Ewropa ta’ ftit xhur oħra; li l-Ewropa tas-sena li għaddiet mhix l-Ewropa li se tkun qed tippresjiedi r-Repubblika ta’ Malta.  Ser tkun Unjoni Ewropeja fi klima differenti.  Pero’ trid tassigura li ma titbiedgħedx mill-ideali tal-Fondaturi (Founding Fathers). Bl-idejal ewlieni s-Solidarjeta’ li hu maħsub biex ikun ir-ruħ tal-Unjoni Ewropeja.

Dan huwa l-irwol li r-Repubblika ta’ Malta trid tassumi fid-dinja u fil-ġurnata tal-lum – irrispettivament mill-Presidenza Ewropeja. Ġeografikament, politikament, militarment, ekonomikament, Malta hija attriċi żgħira f’nofs il-Mediterran. Iżda minn dan iċ-ċokon taf tispikka s-saħħa politika – is-saħħa tal-ħsieb, imdawla u mqawwija minn kultura sinjura u mogħnija bil-valuri.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Malta tassumi l-vokazzjoni tagħha li tqarreb il-ħsieb u l-fehma ta’ qawwiet politiċi u militari kbar, xi drabi anki fehmiet konflinġenti; il-vokazzjoni li twettaq u sseddaq il-ħolma Ewropeja msejsa fuq is-solidarjetà; li tagħmel din il-ħolma Ewropeja – ħolma ta’ prosperità u libertà – b’xi mod aċċessibbli għal min tassew il-ħolm tiegħu ma fihx għajr inġustizzji, vjolazzjonijiet tad-drittijiet, imrar u kunflitti (qed nirreferi għall-immigranti li huma u jaspiraw għall-ħolma Ewropeja jgħaddu minn Malta jew l-ibħra Maltin); u l-vokazzjoni li tfiehem lill-istess Ewropa li din il-ħolma tagħha msejsa fuq is-solidarjetà ma jifdal xejn minnha appena xi ħadd jidhirlu li jagħmlilha fruntiera, jew limitu.

Jispikkaw hawnhekk il-kelmiet ta’ Jacques Delors: “Europe needs a soul” – l-Ewropa teħtieġ ruħ – mhux biss morali u etika imma anki soċjali. Iva, ikolli naqbel li l-Ewropa teħtieġ ruħ. Dan ma jfissirx li l-Unjoni Ewropeja m’għandhiex ruħ, pero’ sfortunatament hemm it-tendenza li mbarruha.  Jekk in-naħa l-oħra tal-Atlantiku jitkellmu minn “the American Dream” li tgħaqqad dawk l-istati, din in-naħa hija ruħ li tgħaqqad lil dawn il-pajjiżi, kollha sbieħ fid-diversità tagħhom. Ejja nieħdu l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja – biex ma ngħidx il-pajjiżi kollha Ewropej wara kollox. Kollha huma differenti. Uħud minnhom – nieħdu Spanja pereżempju – fihom differenzi fihom infushom stess. Mela x’jgħaqqadna?

Tgħaqqadna s-Solidarjeta’.  Din kienet maħsuba u trid tkun ir-ruħ tal-Unjoni Ewropeja, li rridu nibżgħu għaliha għaliex anki magħha nafu nagħmlu l-kompromessi. Min jista’ jfiehem x’inhi s-solidarjetà Ewropeja lill-poplu Grieg? Min jista’ jfiehem x’inhi s-solidarjetà Ewropeja lil min jgħix maġenb il-kampijiet tal-immigrazzjoni fl-Ewropa? Għaliex waqt li l-pulpti reliġjużi u ċivili tagħna jippriedkaw is-solidarjetà, il-kaxxi tal-votazzjonijiet tagħna qed jimtlew b’voti kuntrarji? Għaliex wara 60 sena minn twelid tal-proġett Ewropew, erġajna qed insibuha diffiċli nikkonvinċu lil niesna bil-valur tas-solidarjetà?

Sinjuri, din hija l-Ewropa u din hija d-dinja li fihom qed tgħix ir-Repubblika tagħna. Dan huwa l-baħar li fih, ir-Repubblika tagħna hija mitluba mhux biss tgħum jew iżżomm fil-wiċċ, imma ssalpa u tagħti direzzjoni. Se nkunu qed nippresjiedu l-blokk politiku Ewropew is-sena d-dieħla. Se nkunu l-kapitali tal-kultura Ewropeja fl-2018. Se nkunu atturi reġjonali u globali aktar minn qatt qabel. B’liema ruħ? Sejrin nitilgħu fuq il-pulpti Ewropej nippriedkaw favur ruħ Ewropeja waqt li tagħna titnaqqar ukoll minn sentimenti estremisti misqija bil-biża’ u nuqqas ta’ rispett?

F'dan ir-rigward, allura, Eċċellenza, ippermettili nikkumplimenta l-aċċent solidari tal-Presidenza tiegħek, għaliex tassew, is-solidarjetà li hija timbru fl-għaġna Maltija, għandha tibqa’ ingredjent essenzjali fl-għaġna tal-kontinent Ewropew tagħna.  Din hija r-ruħ ta’ Malta Maltija.  Din għandha tkun ir-ruħ tal-Unjoni Ewropeja kif kienet maħsuba li tkun sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha.

Jekk, allura, fir-rappreżentanza u fid-diplomazija li l-Istat Malti se jkun qed jagħmel fix-xhur u s-snin li ġejjin jirnexxilu jseddaq ir-ruħ solidari fl-Ewropa u l-ġirien tagħha, allura tassew tkun ċelebrazzjoni denja u f’lokha din li aħna qegħdin nagħmlu llum lir-Repubblika ta’ Malta u dak kollu li din ir-Repubblika tfisser għalina.

Grazzi tal-attenzjoni.

 

 

Go to top