12 December 2017
thinksite.jpg
 HOME
Bookmark and Share
Miscellaneous - Mixxillenja

Diskors waqt Seminar dwar il-Karnival f'Għawdex organizzat mill-Federation European Carnival Cities (FECC) - 28 ta' Mejju 2016

 

 

Seminar dwar il-Karnival f’Għawdex organizzat mill-FECC

Fis-Sala tal-Ministeru għal Għawdex

Is-Sibt, 28 ta’ Mejju 2016

 

 

Diskors mill-ET Mons Dr Joe Vella Gauci, Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO u President tal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex

 

Il-Karnival ta’ Għawdex: Tradizzjonijiet u Sfidi

 

Introduzzjoni

‘Wasal iż-żmien mistenni minn kulħadd, iż-żmien li jġib il-ferħ tal-karnival, u dan iż-żmien tixtieq ma jgħaddi qatt u f’dan iż-żmien kuntent kulħadd ikun.’ Ċertament dan huwa l-kliem tal-għanja tal-karnival Malti li jinstema’ jidwi ma’ kull rokna ta’ Malta u Għawdex fix-xhur ta’ Frar jew Marzu meta pajjiżna flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi oħra jkun qed jiċċelebra dawk il-jiem annwali ta’ kuluri, briju, u xalar, jiem li fihom jispikka it-talent jew il-ħila ta’ diversi nies involuti direttament jew indirettament fl-organiżżazzjoni tal-karnival. Il-karnival kien u għadu sinonimu mal-Maltin u l-Għawdxin.  Tant hu hekk, li l-preparazzjoni għal dawn il-jiem altru milli mhix marbuta biss max-xahar ta’ Frar jew ta’ Marzu.  Hija preparazzjoni kostanti mifruxa prattikament fuq ix-xhur kollha tas-sena.  L-istess nistgħu ngħidu għall-organiżżazzjoni.  Il-karnival m’għadux limitat għal tlitt ijiem biss imma ġie estiż għall-ġranet oħra li jippreċedu l-jiem propju tal-karnival.    

 

L-interpretazzjoni tal-kelma ‘karnival’

Qabel xejn kif nistgħu niddefinixxu l-kelma ‘karnival’ jekk qatt nistgħu niddefinixxu din il-kelma? F’artiklu li kien kiteb il-Franġiskan Patri Mario Attard, huwa jagħti ħasra lejn lista ta’ interpretazzjonijiet ta’ din il-kelma, fosthom somiljanza ta’ din il-kelma ma’ kliem Taljan, bħal carne levare, iċ-ċaħda mil-laħam għax dan iż-żmien huwa viċin ħafna ta’ żmien ir-Randan, jew carne vale, il-laħam jħodd għax propju ż-żmien sussegwenti, cioe’ żmien ir-Randan, huwa żmien ta’ sawm.  Attard igħidilna ukoll li l-oriġini tal-kelma Karnival jista’ jkun li ġejja ‘mill-kelma Rumana Navigium Isidis (il-ġifen ta’ Iside).  F’din il-festa Rumana x-xbieha ta’ Iside kienet tinġarr lejn xatt il-baħar biex tbierek il-bidu tal-istaġun tat-tbaħħir. Il-festa kienet tikkonsisti f’parata ta’ maskri li kienu jimxu wara dgħajsa imżejna tal-injam li kienet tirrifletti il-karrijiet tal-Karnivali moderni. Għalhekk il-Karnival modern jixbaħ ħafna lill-festa Rumana tan-Navigium Isidis.’ Minkejja dawn l-interpretazzjonijiet, jibqa’ l-fatt li skond Attard m’hemmx oriġini ċara tal-kelma.

 

Tradizzjonijiet marbutin mal-karnival

Ċertu studjużi jattribwixxu l-oriġini tal-karnival f’pajjiżna għall-miġja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta, filwaqt li l-istudjuż tal-folklor Għawdxi, Anton F. Attard, jattribwixxi l-oriġini għal żmien aktar preċedenti. Interessanti l-fatt li l-Karnival lokali huwa eqdem minn karnival kbir u famuż bħalma huwa dak ta’ Rio de Janeiro fil-Brażil, jew dak ta’ Venezja, fir-reġjun tal-Veneto fl-Italja.  Iżda x’jiddistingwi l-Karnival Għawdxi minn dak Malti u minn dawk esteri? Il-Karnival Għawdxi għandu bosta tradizzjonjiet li sfortunatament uħud minnhom ġew imwarrba.  Il-Folklorista Anton Attard jelenka bosta minn dawn it-tradizzjonijiet fosthom il-Giovedi Grass, il-Ħamis ta’ qabel it-tlitt ijiem tal-karnival li kien magħruf għaċ-ċajt simili għal dak tal-ewwel ta’ April u b’ikla għall-familja kollha. Sibt il-Karnival kien magħruf għal bosta tiġijiet li kienu jsiru.  It-tlitt ijiem tal-karnival kienu karatteriżżati minn preżenza ta’ diversi maskarati, bejjiegħa tal-ħelu bħalma hu l-kosbor, żambur u perlini, u festeġġjament sħiħ fil-pjazza ewlenija tar-Rabat, cioe’ t-Tokk, u anki fi Pjazza Savina.  Il-karnival Għawdxi kien magħruf sew għal żifna magħrufa bħala l-kumittiva. 

 

Sfidi

Minkejja li uħud minn dawn it-tradizzjonijiet kważi kollha mietu mewta naturali mal-medda taż-żmien, il-Karnival irnexxielu jittrassforma ruħu u jgħaddi mit-test taż-żmien.  Ċertament il-Karnival għadu jiffaċċja diversi sfidi, u bħalma bosta tradizzjonijiet bi sfortuna ġew abbandunati, u nażżarda ngħid anki minsija, ma hemm l-ebda garanzija li xi elementi li jikkarrettiżżaw il-karnival kontemporanju ma jistgħux jiffaċċjaw l-istess destin jekk ma nxammrux il-kmiem u  nikkultivawhom b’kull meżż disponibbli. 

 

Il-villaġġ tal-karnival

Meta wieħed jikkunsidra li l-karnival Għawdxi qiegħed dejjem iżid fil-popolarita’ tiegħu b’influss qawwi ta’ Maltin u barranin li ta’ kull sena jaqsmu l-fliegu għal dan l-iskop, wieħed ma jistax ma jikkunsidrax l-bżonn ta’ villaġġ tal-karnival.  Ilkoll naqblu li Għawdex huwa nieqes minn faċilita’ bħal din, faċilita’ li mhux biss tista’ sservi biex tattira demm ġdid lejn l-arti tal-karnival, imma abbinata magħha għandha diversi benefiċċji oħra li sejjer nelenkahom aktar ‘il quddiem.  Iż-żona proposta għal dan il-villaġġ hija dik magħrufa bħala ‘l-kejselli’ li tinsab bejn l-irħula tax-Xewkija u Ta’ Sannat, attwalment riservata għal għaqda non-governattiva konċernata mis-saħħa u s-sigurta’, l-ERRC, l-Emergency Response and Rescue Corpse.  Filwaqt li diġa’ hemm żona oħra indikata għal din tal-aħħar, fl-opinjoni tiegħi dan il-villaġġ tal-karnival propost jista’ jservi ta’ valur miżjud għall-ekonomija Għawdxija.  Meta wieħed jikkunsidra li ‘l fuq minn 43,000 persuna qasmu minn Malta lejn Għawdex bejn il-Ġimgħa 5 u l-Ħadd 7 ta’ Frar għall-karnival ta’ din is-sena, fenomenu li ċertament qiegħed jidentifika ruħu fuq bażi annwali, persważ li lkoll naqblu li jiem bħal dawn jillubrikaw mhux ftit ir-rota ekonomika Għawdxija.  Iżda jkun żball li wieħed iserraħ moħħu minn ċifri nkorraġġanti bħal dawn.  Il-passat mhuwiex garanzija tal-futur.  F’dan ir-rigward, villaġġ tal-karnival mhux biss jista’ jipprovdi ambjent ġdid ta’ kreattiva’ u rikreattiva’ għal kull min għandu għal qalbu l-karnival, mhux biss jista’ jikkultiva sens ta’ identita’, imma fuq kollox jista’ jservi ta’ inċentiv miżjud u b’saħħtu għall-ekonomija Għawdxija f’kuntrast mal-istat ekonomiku li normalment jikkaratteriżża l-qagħda finanzjarja Għawdxija f’dak iż-żmien partikolari tas-sena. 

 

Nuqqas ta’ parteċipazzjoni żagħżugħa

Biex inkompli nestendi l-istess tema tal-villaġġ, wieħed ma’ jistax ma jsemmix in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni żagħżugħa fl-organiżżazzjoni tal-karnival.  Il-realta’ hija dik li hi: ħafna minn dawk id-dilettanti Għawdxin, jistudjaw, jaħdmu u addirittura jgħixu Malta.  Dan ma jawgurax tajjeb għas-sostenibilita’ tal-karnival Għawdxi. L-organiżżazzjoni ta’ żifna, kostum, maskra grotteska, saħansitra karru tal-karnival, ma jistax jiddependi biss minn dawk il-ftit, u hawnhekk qiegħed nissottolineja l-kelma ‘ftit’, għax tabilħaqq huma ftit dawk l-individwi li jaħdmu kif ngħidu bl-Ingliż ‘against all odds’ biex il-karnival verament ikun ikkulurit. Villaġġ jista’ joffri l-possibilita’ mhux biss ta’ ambjent ġdid u san ta’ rikreazzjoni għaż-żagħżagħ imma biex aktar jattira lejn Għawdex, almenu f’dan iż-żmien tas-sena, dik is-sezzjoni tal-popolazzjoni li tista’ tagħti kontribut siewi f’dan ir-rigward.

 

Nuqqas ta’ parteċipazzjoni mill-iskejjel Għawdxin

Minħabba raġunijiet li ma nafux bihom, il-parteċipazzjoni mill-iskejjel naqset drastikament.  Filwaqt li fl-2014 kien hemm parteċipazzjoni tajba ħafna, f’dawn l-aħħar sentejn l-unika skola li ħadet sehem kienet dik tal-Konservatorju tal-Isqof.

 

 

 

Il-Finanzjament tal-karnival

Il-finanzjament tal-karnival fit-totalita’ tiegħu mhux daqshekk sostenibbli.  Ma nistax nimmaġina, pereżempju, kif qatt tista’ titħajjar għaqda mużikali tagħti s-sehem sħiħ tagħha fil-karnival meta budget ikun limitat.  Għandek bżonn il-kostum, bandisti barranin, u ċertament neċessitajiet oħra.  Filwaqt li nrodd ħajr lil awtoritajiet konċernati li qegħdin jikkunsidraw żieda fil-finanzjament tal-attivitajiet tal-karnival għas-sena 2017, nibqa’ nappella għal aktar tisħiħ finanzjarju għas-sostenibbiltà’ tal-karnival Għawdxi.  Ma jimpurtax għax b’mod gradwali imma għallinqas b’mod kostanti.                                     

 

Is-sehem tas-settur privat

U biex nibqa’ fuq l-aspett finanzjarju, inħoss li huwa żmien opportun biex is-settur privat inġibuh ukoll, kif ngħidu bl-Ingliż, ‘on board’.  Kif ġa aċċennajt aktar kmieni għal preżenza dejjem tiżdied ta’ Maltin li jogħġobhom jiġu jżuruna għall-jiem tal-karnival, persważ li huma bosta dawk l-istabbilimenti Għawdxin, ibda minn dawk tal-ikel u tal-ħwejjeġ għal dawk li jistgħu joffru l-inqas servizz, igawdu minn xi forma ta’ ‘economic upturn’.  L-inċentiv ekonomiku, f’forma ta’ assistenza finanzjarja li jistgħu joffru dawn it-tip ta’ stabbilimenti, b’mod partikulari dawk l-aktar frekwentati u li jgawdu b’mod konsiderevoli minn dawn il-jiem tas-sena, għandu jiġi rakkomandat għas-sostenibbiltà’ fit-tul tal-karnival Għawdxi.  Ċertament kull tip ta’ għajnuna finanzjarja minn diversi ażjendi tista’ tgħin fit-tisħiħ ta’ dan l-avveniment annwali.

 

Sfidi oħra

Definittivament il-karnival Għawdxi għandu aktar sfidi li fil-ftit ħin li għandi għad-diżpożizzjoni tiegħi ma nistax nelenkahom kollha.  Iżda ma nistax ma nikkonkludix dan id-diskors tiegħi mingħajr ma nirreferi għall-fatt li l-pjazza ewlenija tar-Rabat, u hawnhekk qed nirreferi għat-Tokk, ġiet innegata dak l-ispirtu karnivalesk li għal tant u tant snin ikkaratteriżża l-jiem tal-karnival passati.  Hawnhekk qed nirreferi għall-fatt li l-karrijiet tal-karnival m’għadhomx jistgħu jibqgħu jentużjażmaw il-folla li kienet tinġabar fl-istess pjazza biex tgawdi d-diversi spettakli tal-qofol tal-karnival.  Minkejja li Triq ir-Repubblika qiegħda tindara għat-tlugħ ta’ uħud mill-aqwa spettakli tal-karnival Għawdxi, jibqa’ l-fatt li Pjazza Indipendenza tilfet karatteristika mportanti li kienet tagħniha f’dan iż-żmien partikolari. 

 

Finalment u b’sens ta’ tħassib serju, tajjeb li wieħed jinnota ukoll li l-arti tal-kartapesta, sinonima mal-jiem tal-karnival, qiegħda tnin.  Għaldaqstant nappella biex l-awtoritajiet konċernati jistudjaw il-possibilita’ ta’ aktar taħriġ biex din is-sengħa tiġi salvagwardjata qabel ikun tard wisq.

 

Konklużjoni

B’sodisfazzjon ma’ nistax ma ninnutawx is-sehem assidwu ta’ diversi individwi fl-organiżżazzjoni tal-karnival inkluż dawk tal-irħula Għawdxin.  Ta’ dan grazzi mill-qalb.  Il-karnival jibqa’ dik il-ħolqa kbira li tgħaqqad l-arti fis-sens wiesgħa tagħha.  Huwa ħolqa li tgħaqqadna lkoll flimkien fi spirtu ta’ ċelebrazzjoni ferriħija u armonjuża.  Huwa ħolqa li ġġib sens ta’ kburija b’dak li kapaċi nagħmlu aħna bħala poplu.  Mhux ta’ b’xejn li l-karnival Għawdxi għandu saħansitra fama internazzjonali.  Ejjew naħdmu lkoll flimkien bħala nies ta’ rieda tajba biex ma nħallux l-isfidi jinbidlu f’impedimenti imma f’determinazzjoni u f’viżjoni biex anki hawnhekk inkomplu nkabbru l-istorja li tiddistingwina minn popli oħra.        

            

Go to top