26 March 2017
thinksite.jpg
 HOME
Bookmark and Share
Miscellaneous - Mixxillenja

Diskors waqt il-Forum Nazzjonali tal-Wirt Kulturali f'Forti Sant'Anġlu, Birgu - 19 ta' Frar 2016

Mill-ET Mons Joe Vella Gauci, Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta' Malta għall-UNESCO

 

Preżentazzjoni

Ħidma dwar il-Wirt Kulturali mid-Delegazzjoni Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO

 

Wirt Tanġibbli: L-Imdina u ċ-Ċittadella t’Għawdex

Għall-bidu tal-2015, id-Delegazzjoni Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO kkordinat xogħol fuq id-dokument tan-nomina tas-sit tal-Imdina għal-lista ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO. Dan sar biex ikun jista’ jiġi mħejji pjan ta’ riċerka li jkopri dak kollu li hemm bżonn jiġi sottomess man-nomina nnifisha, partikolarment l-analiżi komparattiva, ir-rapport dwar l-istat ta’ konservazzjoni u l-pjan ta’ mmaniġġjar. Dan il-pjan ta’ riċerka ġie diskuss fil-Kumitat Tekniku dwar is-Siti ta’ Wirt Dinji. Sar ukoll xogħol fuq sensiela ta’ pjanti li għandhom jgħinu biex jiġi mifhum aħjar is-sit.

 

Anki dwar iċ-Ċittadella t’Għawdex, mal-bidu tal-2015, id-Delegazzjoni Permanenti kienet qiegħda tlaqqa’ fuq bażi regolari l-kumitat għan-nomina tal-Wirt Dinji. Hawnhekk kien qiegħed isir xogħol fuq is-selection criteria, il-ġustifikazzjoni għall-iskrizzjoni tas-sit u d-database għall-ġbir tal-informazzjoni relatata mal-analiżi komparattiv. Ġie stabbilit ukoll kuntatt ma’ Ms Narine George mill-Università tat-Teknoloġija ta’ Brandenburg rigward din l-analiżi komparattiva bħala parti minn studji u riċerka post-gradwali li tixtieq tagħmel.

Minħabba l-preżenza tal-ispeċi ta’ pjanti endemiċi saret ukoll konsultazzjoni mal-Heritage Planning Unit tal-MEPA (HPU) u l-Ministeru għal Għawdex biex jittieħdu l-miżuri kollha sabiex dawn jiġu mħarsa u ppropagati. Fost affarijiet oħra, id-Delegazzjoni Permanenti ffaċilitat taħditiet sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni għand id-Direttorat għall-Protezzjoni Ambjentali tal-MEPA dwar il-Linaria Pseudolaxiflora. Sadanittant, fil-kapaċità tiegħi ta’ Ambaxxatur, kelli diversi okkażjonijiet nżur is-sit taċ-Ċittadella ma’ uffiċċjali mill-Ministeru għal Għawdex fil-preżenza ta’ spetturi mill-Unjoni Ewropeja, fid-dawl tal-ko-finanzjament Ewropew tax-xogħolijiet, u fid-dawl tal-fatt li ċ-Ċittadella hija sit fuq il-lista tentattiva tal-UNESCO. Saru ukoll tentattivi sabiex jiġi kkumpilat dossier dwar il-valur antropoloġiku u soċjali iżda dawn waqfu minħabba nuqqas ta’ fondi. Eventwalment, il-laqgħat tan-nomina taċ-Ċittadella waqfu, iżda d-Delegazzjoni Permanenti baqgħet issegwi l-iżviluppi tax-xogħolijiet, partikolarment minħabba l-aċċessibilità fejn anki ffaċilitajna kuntatti mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.

Żewġ esperti mill-Università tat-Teknoloġija ta’ Brandenburg żaru lil Malta bejn il-15 u t-18 ta’ Marzu. Huma tkellmu dwar il-proċedura, ir-rekwiżiti u l-implikazzjonijiet ta’ nomina għal Wirt Dinji fil-konfront tal-Imdina u ċ-Ċittadella. Tkellmu ukoll dwar il-possibilità li tiġi riattivata n-nomina tal-Fortifikazzjonijiet tal-Port il-Kbir u s-sit naturali tad-Dwejra. Id-diskussjonijiet ikkonċernaw ukoll kollaborazzjonijiet futuri dwar siti ta’ wirt dinji ġa stabbiliti f’Malta, u nominazzjonijiet oħra fil-futur.

 

Valletta: Proġett tar-Rapid Deployment Unit mill-Forzi Armati ta’ Malta

Wara reazzjoni mill-pubbliku u għaqdiet mhux governattivi għall-bini ta’ strutturi tal-konkrit f’Xatt it-Tiben mill-Forzi Armati ta’ Malta, id-Delegazzjoni Permanenti flimkien mas-Sovrantendenza għall-Patrimonju Kulturali, il-Forzi Armati nfushom u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ikkonfermaw li l-kumitat tekniku dwar siti nazzjoni ta’ wirt dinji kif ukoll il-kumitat dwar l-entitatijiet tal-patrimonju kienu kkonsultati qabel inbeda l-proġett. Id-Delegazzjoni Permanenti ttrasmettiet ukoll il-kjarifika tal-World Heritage Centre li din l-istruttura tinsab lil hinn mill-buffer zone tal-Belt Valletta u li bl-ebda mod ma taffettwa l-istatus tal-Belt Valletta bħala sit ta’ wirt dinji.

 

 

Valletta: Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Dwar il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, ċertament li sejrin nisimgħu aktar mingħand l-istess Fondazzjoni. Minkejja dan, tajjeb wieħed jelenka l-interventi tad-Delegazzjoni Permanenti f’dan ir-rigward u jispjega għalfejn kien ġustifikat dan l-intervent. Għall-fini ta’ UNESCO, il-Belt Valletta hija sinjifikanti u importanti għaliex din hija proprjetà miktuba u rikonoxxuta bħala Wirt Dinji. Huwa fid-dmir ta’ kull stat firmatarju tal-konvenzjoni tal-UNESCO tal-1972 li jara li kull forma ta’ proġett maġġuri ikun skrutinizzat u jkollu l-konferma li dan mhux se jtappan il-valuri jew l-attributi tal-post bħala sit ta’ Wirt Dinji. Għal dan il-għan, il-proġett tal-estensjoni tal-mużew ta’ San Ġwann kien segwit mill-World Heritage Centre tal-UNESCO li min-naħa tiegħu rrefera l-proġett lill-għaqda internazzjonali ICOMOS.

Din il-korrispondenza bdiet f’Ġunju 2015. Sa Lulju kienu ġew suġġeriti xi emendi sabiex jitnaqqsu l-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-outstanding universal value tal-Belt Valletta. Hawnhekk, il-MEPA ssospendiet il-ħruġ tal-permessi tagħha sakemm dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu studjati u analizzati tajjeb. Eventwalment, l-istat Malti, permezz tad-Delegazzjoni Permanenti talab għal Advisory Mission tal-ICOMOS. Din ġiet ikkonfermata, bl-ispejjeż tagħha jitħallsu mill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, u sussegwentament iż-żjara seħħet bejn l-1 u t-2 t’Ottubru 2015. Il-mibgħut tal-ICOMOS kien il-Perit Benjamin Mouton. Huwa segwa l-preżentazzjonijiet mill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral u mill-kumpanija tal-periti tagħha, żar il-post u d-dintorni fil-Belt Valletta u għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Wara ż-żjara tal-Perit Mouton, l-ICOMOS bagħtet ir-rapport tagħha b’xi rakkomandazzjonijiet, li għalih il-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral bagħtet risposti u pjanti aġġornati. Ir-rapport finali tal-ICOMOS, li kien wieħed favorevoli, wasal f’Novembru 2015 permezz tad-Delegazzjoni Permanenti li min-naħa tagħha għaddietu lill-awtoritajiet kompetenti. Hawnhekk ta’ min jirrimarka li d-Delegazzjoni Permanenti ħadet f’idejha l-inkarigu li tittraduċi r-rapporti kollha tal-ICOMOS li dejjem ġew preżentati biss fil-lingwa Franċiża.

 

Valletta: Monument lir-Repubblika ta’ Malta “Bl-oħla dawl libbist”

Anki fil-konfront tal-monument lir-Repubblika ta’ Malta “bl-oħla dawl libbist”, ta’ Austin Camilleri, id-Delegazzjoni Permanenti għaddiet il-materjal kollu lill-World Heritage Centre f’Pariġi, li min-naħa tiegħu rrefera l-proġett lill-ICOMOS. Dan il-monument ġie anki diskuss mill-Kumitat Tekniku dwar is-Siti Nazzjonali ta’ Wirt Dinji. Kien hemm qbil li wieħed għandu jistenna l-pariri tal-ICOMOS qabel jibdew jinħarġu t-tenders, anki jekk iż-żmien huwa wieħed limitat. Eventwalment, meta l-mibgħut tal-ICOMOS, Benjamin Mouton żar lil pajjiżna minħabba l-proġett tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, huwa għamel ukoll żjara lis-sit fejn qiegħed jiġi propost dan il-monument lir-Repubblika ta’ Malta u pproduċa rapport favorevoli dwaru.

 

Dwejra, Għawdex

Id-Delegazzjoni Permanenti organizzat laqgħat mad-direttorat ta’ Eko-Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li fiha ġew diskussi l-possibilitajiet li s-sit tad-Dwejra, li jinsab fuq il-lista tentattiva, jiġi nnominat bħala Sit ta’ Wirt Naturali Dinji. Sadanittant, tard fl-2015, fuq talba mill-Gvern Malti, id-Delegazzjoni Permanenti talbet pariri mingħand il-World Heritage Centre, l-ICCROM u l-Università ta’ Brandenburg dwar miżuri li jistgħu jissalvagwardjaw it-Tieqa tad-Dwejra li tinsab mhedda mill-elementi li għalihom hija esposta. Minn dawn il-kuntatti  jidher li hemm espert prominenti fil-qasam tal-ġeomorfoloġija u l-ambjenti kostali, li huwa diġà familjari ma’ Malta u mas-sit, li miegħu wieħed jista’ jkompli jikkonsulta.

 

World Memory Register: Mapep tal-Assedju l-Kbir

Id-Delegazzjoni Permanenti bdiet tevalwa l-possibilità, flimkien mal-Mużew Nazzjonali tal-Arti u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, li l-4 mapep magħrufa bħala l-Camocio Maps, li juru l-istadji differenti tal-Assedju l-Kbir tal-1565 jiġu mniżżla fil-World Memory Register. Hawnhekk, kienet strumentali Heritage Malta li kkumpilat id-dossier tan-nomina u rreferiet il-materja lill-Charles University ta’ Praga li fil-kustodja tagħha għandha l-ħames mappa minn dan is-sett. Min-naħa tagħha, din l-Università mliet il-parti tagħha u bagħtitha lura lill-istat Malti.

 

Wirt Intanġibbli: il-Festa Maltija

Iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura fi ħdan id-Delegazzjoni Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO, daħal f’taħditiet mal-Associazione per la Conservazione delle Tradizioni Popolari ta’ Palermo, fl-Italja, biex wieħed jesplora l-possibilitajiet ta’ proġett b’kofinanzjament Ewropew dwar festi u festivals reliġjużi fil-Mediterran. Din l-inizjattiva hija ntiża li ssaħħaħ l-isforzi ta’ Malta sabiex tikseb ir-rikonoxximent ta’ wirt dinji intanġibbli għall-Festa Maltija. L-applikazzjoni għall-proġett b’kofinanzjament Ewropew ma setgħetx tiġi sottomessa peress li xi pajjiżi oħra ma laħħqux mad-dati ta’ skadenzi. Għalhekk kien hemm qbil li din l-applikazzjoni tiġi sottomessa mill-awtoritajiet Taljani f’Palermo fl-2016.

 

Għeluq

Il-Kumitat Tekniku dwar is-Siti Nazzjonali ta’ Wirt Dinji huwa esperjenza sana fejn kull min huwa dotat bl-esperjenza u l-għarfien u fdat bir-responsabilità tal-ħarsien ta’ dan il-wirt qiegħed jikkontribwixxi għal djalogu b’saħħtu. Hekk nittamaw li d-diċerija “l-id il-leminija ma tafx x’inhi tagħmel ix-xellugija” issir xi ħaġa tal-imgħoddi. Fil-bosta limitazzjonijiet finanzjarji u loġistiċi li bihom irid jgħix, il-mod effikaċi u komdu li bih dan il-kumitat jiltaqa’ u jitratta, jagħmilha aktar faċli sabiex mal-ewwel ċirkustanza li tinqala’ li tikkonċerna xi wieħed minn dawn is-siti, l-awtoritajiet nazzjonali isibu f’dan il-kumitat mekkaniżmu stabbilit, li jaħdem u li jrodd lura riżultati mingħajr telf ta’ żmien. Dan kollu, flimkien mal-ħidma sfiqa tad-Delegazzjoni Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO fuq diversi oqsma jgħin mhux ftit sabiex anki fuq livell nazzjonali, jitkattru l-għarfien u l-konoxxenza dwar l-għaqda internazzjonali UNESCO f’Malta. F’dan is-sens, wieħed iħares lejn l-2016 b’ottimiżmu fid-dawl taż-żjara uffiċċjali li għandha tagħmel id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO Irina Bokova f’Malta f’April li ġej. Jiena persważ li żjara ta’ din il-portata għandha tgħin mhux ftit lill-pajjiż u l-wirt ta’ valur dinji li jipposjedi, ikompli jikseb l-attenzjoni tal-awtoritajiet internazzjonali biex eventwalment jottjeni r-rikonoxximent rispettabbli li tant jistħoqqlu.

Go to top