12 December 2017
thinksite.jpg
 HOME
Bookmark and Share
Miscellaneous - Mixxillenja

Diskors fl-okkażjoni ta' Open Day u l-Inawgurazzjoni tal-proġett Birds on a Wire fil-Kulleġġ ta' Għawdex, Skola Sekondarja - 13 ta' Mejju 2016

 

Mill-ET Mons Dr Joe Vella Gauci, Ambaxxatur u Delegat ta' Malta għall-UNESCO

 

Għażiż Prinċipal tal-Kulleġġ t’Għawdex, Kap, Assistenti Kapijiet, Għalliema, u Studenti, nixtieq naqsam magħkom dan is-sodisfazzjon li ċ-ċelebrazzjoni tal-lum qiegħda propju tiċċelebra. 

L-għoti taċ-ċertifikat huwa apprezzament, rikonoxxenza għal dak li intkom, għeżież studenti, ħdimtu għalih bl-għajnuna u l-inkoraġġiment sħiħ li irċivejtu mingħand is-Senior Management Team u l-għalliema tagħkom. 

Nawgura li dan iċ-ċertifikat ifakkarkom mhux biss f’dak li intkom kapaċi tottjenu imma fuq kollox biex tħarsu ‘l quddiem għal aktar suċċessi fil-ħajja tagħkom. 

Nixtieqkom iżżommu f’moħħkom kwotazzjoni żgħira ħafna minn diskors li kienet għamlet id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, f’Diċembru li għadda, fejn hija stqarret hekk: ‘Education is essential to shape the new values, skills and knowledge we need for the century ahead’. 

Ċertament, apprezzament speċjali huwa mistħoqq lilkom għeżież għalliema, li ċertament okkażjonijiet bħal dawn ma jistgħux ikunu possibli mingħajr is-sostenn sħiħ tagħkom.  M’hemmx biżżejjed kliem adekwat biex nirrikonoxxi l-ħidma tagħkom, pero’ ċertament  id-dedikazzjoni, ix-xogħol sfiq tagħkom li ma jieqafx fit-2:45 pm, u fuq kollox l-imħabba tagħkom lejn l-istudenti, huma uħud mill-aqwa kwalitajiet li jikkaratteriżżaw il-vokazzjoni tagħkom.

Ma nistax ma nurix l-apprezzament sħiħ tiegħi ukoll għal din l-inizjattiva li ħadet l-iskola tagħkom biex dan il-proġett ‘Birds on a Wire’ seta’ sar.  F’dan il-proġett nilmaħ mhux biss id-dedikazzjoni tal-istudenti, imma fuq kollox il-kreattivita’ u l-innovazzjoni li tagħni lil kull student parteċipi f’din l-inizjattiva.  Persważ li proġett edukattiv nazzjonali bħalma huwa Kreattiv igħin biex aktar studenti, f’kollaborazzjoni mal-għalliema u ma’ artisti lokali, jarrikkixxu il-kapaċitajiet tagħhom.  Definittivament, dawn il-kapaċitajiet huma riflessi f’dan il-proġett li qegħdin ninawguraw propju llum, bl-isem ta’ ‘Birds on a wire’.  Minn materjal bħalma huwa l-wire, li normalment jintuża għal skopijiet oħra aktar milli kreattivi, ġie msawwar dan il-proġett ta’ arti kontemporanja.  Il-kreativita’ hija parti integrali minn edukazzjoni ħolistika. 

Għaldaqstant nawgura li l-iskola tagħkom ikollha aktar opportunitajiet biex tniedi proġetti simili fil-futur għax kif stqarret riċentament id-Direttur-Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, ġewwa Helsinki, il-Finlandja, fl-okkażjoni tal-World Press Freedom Day, ‘...creativity...[is an] essential pillar of healthy, open and dynamic societies’. 

 

 

 

 

 

 

 

Go to top