23 June 2017
thinksite.jpg
 HOME
Bookmark and Share
Miscellaneous - Mixxillenja

Diskors fl-okkażjoni tal-Inawgurazzjoni tal-Monument lil Mons Lwiġi Vella - 26 ta' Ġunju 2015

 

 

Mill-ET Mons Dr Joe Vella Gauci - President Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali, Ministeru għal Għawdex

 

Onorevoli Ministru,

Onorevoli Segretarju Parlamentari

Onorevoli Sinjuri,

Sur Sindku,

Reverendissimi Sinjuri,

Speaker Emeritus

Sinjuri taċ-Ċivil

Sinjuri

 

Kemm jgħoddu għal dan il-personaġġ, li lilu llum Għawdex qed jagħti qima, l-kelmiet mistqarra mis-Saċerdot u Teologu Svediz Hans Urs von Balthasar  li aktar tard kien ġie nominat biex ikun Kardinal, li b’mod ġeneriku kien stqarr: “What you are... is God’s gift to you.  What you make of yourself is your gift ... to God.”

Balthasar li hu kkonsidrat bħala wieħed mill-aqwa teoloġi tas-seklu għoxrin ried jgħid li aħna lkoll rigal t’Alla; li f’kull wieħed u waħda minnha hemm potenzjal li jekk nagħruf nużawħ tajjeb ċertament li jkun l-isbaħ rigal lil Alla.

Dan ried ifisser meta stqarr: “Dak li int... hu rigal t’Alla lilek.  Dak li tagħmel minnek innifsek hu r-rigal tiegħek... lil Alla.”

Kemm jixirqu dawn il-kelmiet għal Monsinjur Lwiġi Vella, jew kif inhu magħruf mill-Għawdxin Dun Alwiġ ta’ Savina.

F’ambjent modest li fih twieled u trabba’, għex u miet, Dun Alwiġ għaraf jagħmel l-aħjar użu mill-kwalitajiet tajbin li Alla zejnu bihom.  Hu sfrutta dawn il-kwalitajiet u kkoltivahom għall-benefiċċju tal-Knisja u ta’ Pajjiżu.

Fil-fatt hu reġistrat fil-memorja kollettiva bħala: Saċerdot; Filantropu u Kittieb.

·           Saċerdot twajjeb li ddedika ħajtu għall-ġid tal-poplu t’Alla f’din il-Gżira t’Għawdex;

·           Filantropu li għaraf iżewwaq l-ġid spiritwali mas-solidarjetà soċjali;

·           Kittieb li tana għamliet ta’ kitba li l-ġeneru letterarju tagħom ivarja minn Poeżija għal proża.  Insibu kitba ta’ natura spiritwali bħalma huma l-kotba tal-adorazzjoni li wieħed minnhom riċentement ġie maqlub fl-ilsien Spanjol; kitba storika bħalma huma d-diversi artikli li ppubblika fir-rivisti li tagħhom kien Editur: l-Ewkaristija, d-Devot ta’ Marija; l-Istorja t’Għawdex li għadha manuskritt; kitba mistħajla jew fittizja bħalma huma d-diversi rumanzi storiċi li gew ippubblikati fis-sensiela ta’ pubblikazzjonijiet hekk imsejħa Mgħodija taż-Żmien li kellha bħala Editur u Pubblikatur lis-Sur Alfons Marija Galea.

Bħala Saċerdot hu għallem u ħadem bil-kitba, bil-predikazzjoni, u bil-ħidma pastorali tiegħu ma’ diversi kategoriji fil-Knisja, fosthom fl-Isptar Ġenerali, mar-reliġjuzi u fil-konfessjonarju tiegħu fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Hu ħalla Monument ħaj fit-twaqqif tal-Adorazzjoni Perpetwa.  Għalih jistgħu joqgħodu l-kelmiet ta’ San Duminku Savio: “Non e’ nato cosi, e’ diventato cosi.”  Meta miet, l-Arċisqof Gonżi sejjaħ f’adonanza kapitulari, lill-membri tal-Kapitlu Katidrali, inizzjattiva bla preċedent u ppreżentahulhom bħala muddell tas-saċerdoti Għawdxin.

Bħala filantropu hu eżerċità prattiċi ta’ solidarjetà soċjali ma’ ulied Għawdex.  Għalih l-Ewkaristija bħala Ikla t’Imħabba, kellha ssib ir-realiżazzjoni tagħha fl-imħabba lejn il-proxxmu, fis-soċjetà tal-bnedmin, fil-pjazza pubblika.  Il-Knisja għal Dun Alwiġ kienet ferm aktar mill-bini jew il-kultivazzjoni tal-ġebel – ħaġa li hu stess għamel sew bħala Rettur ta’ Savina sew bħala Arċidjaknu tal-Katidral: fejn jinsab midfun. Il-Knisja kienet għalih il-Poplu t’Alla u lil Kristu kien jaraħ għaddej fid-djar u fit-toroq għax kien jilmħu fil-miżerji tal-bnedmin.  Fil-limitazzjonijiet tiegħu għamel dak kollu li seta’ biex itaffi l-faqar u jeleva lil ħutu mill-faqar materjali.

Bħala Kittieb dejjem ipprova jgħallem bil-kitba li ħarġet mill-pinna tiegħu sew il-kontenut tal-fidi nisranija, sew l-imġieba morali, sew il-ġrajjiet storiċi ta’ pajjiżna.  Dun Alwiġ kien fost l-ewlenin li beda jgħallem b’Ilsien il-Poplu, bl-Ilsien Malti u dan minkejja l-ħila tiegħu fil-Latin, fit-Taljan u anke fl-Ingliż.

Konferma ta’ dan toħroġ mill-korrispondenza li jien stess kelli mal-Poeta Għawdxi Ġorġ Pisani. Fit-tweġiba tiegħu s-Sur Ġorg, iben ieħor dehen ta’ dil-Gżira, kitibli dawn il-preċiżi kelmiet: “Dan l-att sabiħ ta’ karità Nisranija min-naħa tiegħek jiena ngħożżu doppjament billi ġej minn wieħed tal-familja ta’ Monsinjur Arċidjaknu Luigi Vella, il-bniedem li għamilli l-qalb biex inkompli nikteb u li għalih fid-dar tagħna kien hemm bħal kult ta’ rispett u qima kbira.”

Id-djoċesi t’Għawdex sellmet lil dan il-persunaġġ fi tlett okkazzjonijiet differenti: permezz ta’ Lapida fil-Knisja ta’ Savina fil-kuntest tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan, permezz ta’ cirkulari mill-Arcisqof Gonżi, u permezz ta’ Lapidi fil-Knisja Katidrali.

Illum l-Istat Malti qed isellem lil dan iċ-Ċittadin distint bil-mafkar li sejrin ninawguraw.  Qabel ma għollewh il-bnedmin fuq pedestal, Dun Alwiġ għola ‘l fuq għax għaraf li l-kwalitajiet li kien jippossiedi kienu rigal t’Alla lilu.  Però ma waqafx hawn.  Hu ħaddem dawn il-kwalitajiet tul ħajtu ħalli hu stess ikun għotja lil Alla, rigal lil Alla.

Dun Alwiġ kien Awtorita’ Awtorevoli jew aħjar Awtorita’ Morali għax “Għex dak li għallem” u “Għallem dak li għex”.

Kemm il-Knisja, kemm l-Istat, jgħollu lil dawk il-Persunaġġi li jkunu ddistingwew ruħhom mhux biex ibeduhom minnha, imma biex nieħdu l-eżempji sbiħ tagħhom u nagħrfu nimitawhom f’ħajjitna biex b’hekk bħalhom inkunu membri denji tal-Kommunita Nisranija, u tas-Soċjetà Ċivili.

Nixtieq qabel intemm dawn il-ftit kelmiet inrodd ħajr lill-Ministru għal Għawdex l-Onor Dr Anton Refalo u l-mekkaniżmu kollu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bħalma huma s-Segretarju Permanenti, d-Diretturi, l-Uffiċċju tal-Kultura kif ukoll lil sħabi l-membri tal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali u lill-membri tal-Kumitat ad hoc għat-twaqqif ta’ dan il-mafkar.  Grazzi wkoll lis-Sindku u lill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria għas-sehem tagħhom f’dak li jirrigwardja l-fundament u l-mixgħela tal-Monument.  Nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lil Gatt Group of Companies tar-Rabat Għawdex li offrew il-ġebel tal-qawwi sabiex issir il-bażi tal-monument u li offrew il-makkinarju u l-ħaddiema neċessarji sabiex dan il-monument ikun jista’ jitqiegħed f’postu; lill-Marmista Raymond Bonello; lill-Familja Vella li fil-maħżen tagħhom tqiegħed il-monument hekk kif wasal minn Ruma; kif ukoll lil dawk kollha nkarigati mit-tindif ta’ din il-pjazza u tal-madwar.  Finalment apprezzament lill-artist skultur, il-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi.  Jekk bi żvista ħallejt lil xi ħadd barra nitlob apoloġija.

L-aħħar kelma u nieqaf hawn.  F’ħajtu Dun Alwiġ kien bniedem t’Alla u tal-Poplu.  Nittama li din l-interattività bejn il-Poplu u l-Personaġġ storiku kif simbolizzat fl-Istatwa artistika fil-Bronż, nittama li tibqa’.  Għalhekk m’hemmx ħsieb li jsir ħadid li jifred lill-Poplu mill-Personaġġ.  Għalhekk hu aċċettabbli li wieħed joqgħod bil-qegħda fuq il-bank (bażi) li jiċċirkondja (jdawwar) il-pedestal s’intendi dejjem b’mod dekoruż u rispettabbli.

 

Grazzi tal-attenzjoni. 

 

 

Go to top