28 April 2017
thinksite.jpg
 HOME
Bookmark and Share
Miscellaneous - Mixxillenja

L-Ilsna - Triq l-Opportunatijiet: Attivita' organizzata mill-Europe Direct Information Centre f'Ghawdex

 

Attivita' mtella' b'kollaborazzjoni mar-Rapprezentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta fl-okkazjoni ta' Jum l-Ewropa.  Din l-attivita' nzammet fil-Gonna tal-Villa Rundle, it-Tlieta, 5 ta' Mejju 2015

 

Diskors tal-gheluq mill-ET Mons Joe Vella Gauci - Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta' Malta ghall-UNESCO

 

Fil-Filosofija hemm fergħa li tissejjaħ l-Etika Lingwistika u fiha fost ħwejjeġ oħra nitgħallmu kemm il-lingwaġġ uman hu għodda limitata, imma daqstant ieħor utli. Limitata għax ġie li rridu nfissru ħsieb u niftehmu mod ieħor. Utli għax il-lingwi huma l-għodda l-aktar neċessarja ta’ kif nikkommunikaw flimkien.

Fil-kuntest taċ-ċelebrazzjoni tal-lum meta aħna qed infakkru l-European Languages Event, intgħażlet bħala tema: “L-Ilsna – Triq l-Opportunitajiet”.  U allura aħna qed nirriflettu fuq id-diversi lingwi li nsibu mhux biss fil-Kontintent Ewropew, imma li nsibu fil-bqija tal-Kontinenti.  Filwaqt li hemm min jgħid li l-Ingliż hija il-lingwa internazzjonali l-iktar użata għall-kummerċ u għall-kultura, żgur li qatt ma kien hemm żmien aħjar minn issa biex wieħed jitgħallem lingwa barranija bħal Ġermaniz, Franċiż, Taljan u Russu. Għalkemm forsi dawn il-lingwi mhumiex mifruxa daqs l-Ingliż, joffrulna ħafna sfidi sbieħ li ma nsibuhomx fil-lingwa Ingliża. Ir-raġunijiet għalfejn għandna nitgħallmu lingwa jew lingwi ċertament li jvarjaw. Fiha nfisha, l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi barranin hija xi haġa apprezzata mad-dinja kollha għax żgur li xi tip ta’ benefiċċju tħalli għal kulħadd.

Waħda mir-raġunijiet ewlenin l-għaliex għandna nitgħallmu lingwa barranija, hija għaliex din isservi biex inħaddmu moħħna aħjar. Bħal tfajjel żgħir li jissielet mal-kliem tal-lingwa li jitwieled fiha fl-ewwel snin ta’ ħajtu, meta titgħallem lingwa ġdida tħoss li trid dejjem tfittex iktar kliem ġdid u tegħleb il-kurżita ma’ kull sfida li tiltaqa’ magħha. Fi żmien qasir it-tagħlim tal-lingwa l-ġdida jibda jsaħħrek, u permezz tagħha titgħallem affarijiet oħra. Ngħidu aħna linwga partikulari hi l-għodda l-aktar utli ta’ kif insiru midħla ta’ kultura partikulari.  

Skont studji li saru fl-1986, tfal li jissieħbu fit-tagħlim ta’ lingwi barranin għandhom kapaċità li jifhmu l-affarjiet ħafna iktar malajr minn studenti oħra u huma tfal iktar bravi u kreattivi. Barra minn hekk, tfal li jafu jitkellmu iktar minn lingwa waħda, għandhom tendenza li jkunu iktar intelliġenti u li jakkwistaw riżultati aħjar f’suġġetti oħra tal-iskola.

Il-lingwi barranin huma importanti ħafna wkoll għal dawk li jaħdmu fl-oqsma tal-kummerċ, tal-komunikazzjoni u kważi f’kull karriera oħra fis-soċjetà. Illum ħafna nies fil-qasam tal-business għarfu li anke jekk il-klijenti tagħhom ikunu jifhmu l-lingwa Ingliża, m’hemmx mezz aħjar kif tifhem il-bżonnijiet u x-xewqat tagħhom milli tkun taf il-lingwa propja li jitkellmu. Il-businessmen jagħrfu li tħalli mpressjoni ħafna aħjar jekk tipprova titgħallem il-lingwa tal-post ma’ fejn tkun qed tagħmel il-kummerċ, għax għal ħafna minnhom huwa sinjal ta’ rispett kbir li jista’ jiftaħ bibien għal ħafna opportunitajiet oħra.

Hawn ukoll min jitgħallem lingwa għax jieħu gost jipprattika l-pronunċja ta’ kliem f’ilsna oħra, fejn b’differenza għall-Ingliż trid tuża sew l-imnieħer kif ukoll it-tidwir tal-ilsien. F’uħud mil-lingwi bħall-Ġermaniz, il-pronunċja ta’ kelma hija mportanti ħafna, għaliex tgħinna nagħtu tifsira u mhux oħra lill-kelma użata. Dan is-sens ta’ kontroll tal-użu tal-lingwa jgħinna ingawdu iktar il-vjaġġi tagħna f’pajjiżi barranin u jekk tkun taf il-lingwa mitkellma fil-post fejn iżżur, il-vaganza tagħna ssir waħda iktar interessanti.

Fi żminijietna, it-tagħlim ta’ iktar minn lingwa waħda żgur li jżewwaq il-kwalità tal-ħajja tagħna. Anke jekk wara li ntemmu s-snin tagħna fl-iskola, ftit li xejn nużaw il-lingwa ġdida li nkunu tgħallimna, żgur li ż-żmien li nqattgħu nitgħalmuha jkun ta’ sodisfazzjon f’ħajjitna. It-tagħlim ta’ lingwa hija esperjenza unika u l-vjaġġ biex nifhmu ilsien ġdid huwa wieħed avventuruż li ma jintesiex malajr.

F’dinja mimlija b’kulturi differenti, il-kapacità li tagħraf lingwi differenti qed issir dejjem iktar importanti. Il-lingwi qed isiru l-mezz li jżomm is-soċjetajiet qrib xulxin, u hekk jiżviluppaw il-kultura u l-ekonomija tagħhom. L-għarfien tal-lingwa hija wkoll importanti biex niżviluppaw bħala bnedmin, għax tagħtina l-kapaċità biex nuru l-potenzjal tagħna.

Sena ilu, il-UNESCO, li hija organizazzjoni dinjija li taħdem fil-qasam tal-edukazzjoni, x-xjenza u l-kultura, organizzat konferenza dwar l-importanza tal-lingwi. Id-90 pajjiż li ħadu sehem f’dil-laqgħa mportanti qablu lkoll li hemm bżonn li jkollna kwalità tajba u għolja ta’ tagħlim tal-lingwi barranin.

Dawk li ħadu sehem qablu wkoll li flimkien mat-tagħlim ta’ lingwi barranin għandu jissaħħaħ ukoll it-tagħlim tal-lingwa nativa, jiġifieri l-lingwa tal-pajjiż li titwieled fih. Aħna bħala Maltin u Għawdxin ilna ħafna li għarafna l-importanza tal-lingwi fil-ħajja ta’ gżira żgħira bħal tagħna. Fost Maltin imsemmija għall-ħidma tagħhom biex jippromwovu l-lingwa Maltija, bħal Mikiel Anton Vassalli, Manwel Dimech, Dun Karm Psaila, Dun Pietru Pawl Saydon, Ninu Cremona, Erin Seracino Inglott, Ġuże Aquilina, F.X. Mangion u Ġorġ Pisani, insibu bosta minnhom li kellhom ukoll imħabba kbira lejn il-lingwi barranin.

Insibu oħrajn iktar riċenti bħal Oliver Friggieri u Alfred Palma, li qalbu xogħolijiet sħaħ minn lingwi barranin għal-lingwa Maltija, b’mod li llum jistgħu jinqraw minn kulħadd. Wieħed ħabib tiegħi, li jaħdem bħala traduttur (translator) mal-Kummissjoni Ewropea qed jieħu l-inizjattiva li jaqleb ix-xoghlijiet tal-awtur Franċiż Balzac li hu kkonsidrat bħala wieħed mill-fundaturi tar-Realiżmu fil-Letteratura Ewropea.

Finalment, importanti li nifhmu li edukazzjoni tajba tal-lingwi barranin tfisser ukoll attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ dawk li qed jitgħallmu il-lingwa, b’mod speċjali studenti b’diżabilità.

Nixtieq intemm dan il-messaġġ qasir tiegħi b’ringrazzjament lill-Europe Direct Information Centre f’Għawdex u r-Rapprezentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta għall-inizjattiva tagħhom biex jorganizzaw din l-attivita’ ta’ għarfien lingwistiku hawn f’Għawdex.

Tajjeb li tkunu tafu li l-Kunsill tal-Ewropa, li hija organizazzjoni li tiġbor fiha 47 pajjiż, it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea u 19-il pajjiż ieħor Ewropew, ilu mill-2001 jiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi nhar is-26 ta’ Settembru.

Riċentament anke id-Direttur Ġenerali li tmexxi l-organizazzjoni li semmejtilkom qabel bl-isem ta’ UNESCO, tkellmet dwar l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi.

Hija qalet li li titgħallem iktar minn lingwa waħda għandha tkun meqjusa bħala dritt ta’ kull bniedem, għax hekk inkunu qed ngħinu biex jinqered il-faqar f’ħafna pajjiżi u naslu għal paċi dejjiema fost ħafna ġnus

L-unika mezz biex naslu għal din il-paċi fid-dinja li lkoll tant nixtiequ hija billi nirrispettaw il-ħafna kulturi differenti li hawn fid-dinja. U meta nirrispettaw u napprezzaw kulturi oħra, nkunu qed nirrispettaw u napprezzaw il-lingwa tagħhom, li hija waħda mill-affarjiet l-iktar importanti għal kull ġens.

 

Grazzi ħafna.

Go to top